Kemm-il darba smajna lil xi ħadd li minn qalb folla ċċapċap, b’entużjażmu liema bħalu jgħajjat din il-kelma. U mhux talli hekk, talli normalment isegwu numru ta’ ilħna oħra li jingħaqdu f’kor ta’ tifħir quddiem statwa tiżżegleg fuq spallejn nofs tużżana rġiel. Min jaf x’jgħaddi minn moħħ il-bosta turisti li wara ġurnata xemx u mixi jipiċċaw fil-qalba tal-festa tar-raħal.
Imma għaliex jghajtu ‘Magnus”? Għaliex jistħoqqlu t-titlu ta’ ‘Il-Kbir’? Għaliex inqegħdu xbieha ta’ bniedem bħalna fuq pedestal? U xi jfisser dak l-imbierek pedestal?! Għax kultant meta nitkellmu fuq il-qaddisin qisna nkunu qed nitkellmu fuq faxxa speċjali ta’ bnedmin, nies li jeċċellaw f’kollox u mingġajr difetti ta’ xejn. Qisu tiġihom naturali li jgħixu l-Evanġelju daqskemm għalina hi naturali li tiekol u li torqod. U hekk il-ġrajjiet tal-qaddisin jigu jixbħu aktar l-epiċi tal-eroj leġġendarji u inqas ħajjiet ta’ bnedmin. Ġrajjiet mimlijin għeġubijiet, ‘effetti speċjali’ u mirakli. Nies li l-ebda diffikultà ma’ taqtalhom qalbhom u li jirbħu kull ostaklu li jsibu quddiemhom. Dak l-imbierek pedestal qisu qiegħed hemm biex jifridna, biex ifakkarna li aħna qatt mhu se nilħqu l-livell tal-Magnus. U fil-Verità ma nistghux inkunu aktar żbaljati. Read More | Comments

