Min jaf kemm-il darba qrajna novelli jew rajna films fejn wieħed mill-karattri prinċipali jkollu pjan li fl-aħħar jisfa fix-xejn u fuq fommu sieket, l-uniċi kliem li jlissen ikunu dawk.
Biss dan ma jiġrix fid-dinja tal-finzjoni biss. Għalkemm forsi ma ngħidux dan l-istess kliem, min jaf kemm-il darba għadda minn moħħna. Għax aħna lkoll moħħna jiġri bina u għal kull ħaġa li tiġri f’ħajjitna, f’moħħna nkunu ġa fassalna l-kumplament tal-istorja; bħal meta ġenituri jaraw lil uliedhom jiġġebdu biex jilħqu l-istetoskopju tat-tabib, u f’moħħhom jibdew iħammu x’tip ta’ tabib se jilħaq la jikber. Moħħna jiġri bina, u meta dak li noħolmu u dak li fil-fatt jiġri ma jaqblux, insibu rwieħna ntennu dawk il-kliem.

