Ngħir għalik, Xmun. Ħadd ma qorob lejh daqs kemm qrobt lejh int! Bżajt xejn, Xmun? Ħaduk minn qalb il-folla u sibt ruħek terfagħlu s-salib. Għidli ftit, Xmun, kien tqil is-salib? Għidli ftit, kien imdemmi s-salib? Għidli, Xmun, illum kieku kellek tagħżel, terġa’ tidħol taħt dak is-salib?
Dan is-salib għadu jinġarr illum minn miljuni kbar ta’ nies. U miljuni oħrajn, bħal Xmun minn Ċirene għadhom jaqsmu l-piż ma’ persuni li huma mtaqqal u mgħobbijin bis-slaleb tal-ħajja.
It-tradizzjoni tgħidilna li dan kien missier, qed jirritorna mill-għalqa maż-żewġ uliedu li ttihom l-ismijiet ta’ Xandru u Rufu. Żgur li ħadd ma kien ser jagħżel minn rajħ li jidħol taħt il-piż tas-salib tal-ikkundannat.
Il-kundanna tal-mewt fuq salib, filwaqt li kienet sentenza orribbli, kienet fl-istess ħin mewt mill-aktar umiljanti. San Pawl jgħid li s-salib huwa: għajb għal-Lhud u bluha għall-Pagani. Ċittadin Ruman, ħażin kemm hu ħażin, qatt ma kien jiġi kkundannat għall-mewt tas-salib, dan kien kastig biss għall-Barbari.
Is-salib, u dak kollu li hu marbut miegħu, jibqa’ sinjal ta’ kontradizzjoni għall-bniedem ta’ kull żmien. Għaliex is-salib? Għaliex it-tbatija? Għaliex Alla l-Missier ipermetta li Ibnu Nkarnat jiġi mogħti din is-sentenza ta’ mewt daqshekk ħarxa?
Ġesù kien ra nies imutu fuq is-salib u meta beda jinduna li dan kien se jkun ukoll it-tmiem tiegħu -għax Ġesù kien fehem il-pjan li nħadem mill-mexxejja kontrih- tant beża’ li fil-ġnien taż-Żebbuġ huwa għereq għaraq tad-demm.
Forsi huwa aktar faċli li naraw fuq l-iscreens tat-TV tagħna lil min qed isallab lis-Socjetà tal-bnedmin mas-salib ta’ kuljum bl-atti vandali, bil-kriminalità u b’tant atti terrorostici. Imma ftit li xejn nitkellmu u nesponu lil min bħaċ-Ċirinew joħroġ barra minn triqtu biex jgħin lil min hu mġarrab mis-salib, mit-tbatijiet, mill-inġustizzji u mill-effetti diretti tal-vjolenza.
Ninsabu fil-Ġimgħa Mqaddsa, din il-ġimgħa speċjali li fiha naraw kemm hi kbira l-imħabba li kellu Ġesù għalina. Ejjew nagħmlu għażla fejn nixtiequ nkunu. Ejjew nagħżlu ma’ liema naħa nixtiequ li nkunu: Ma’ dawk li ftit li xejn jimpurthom jekk ikunx qegħdin iżidu t-tbatijiet lin-nies ta’ madwarhom, jew ma dawk li jridu jnaqqsu u jgħinu lil min hu fit-tbatija.
Jekk int ftit li xejn toqgħod attent fuq kif tuża lsienek, ftit li xejn tagħti każ ta’ kif tixħet il-kumment dispreġġativi tiegħek kontra dawk li int ma taqbilx magħhom: klandestini, omosesswali, divorzjati, separati, iddrogati… u allura ftakar li qiegħed iżżidilhom il-piż tas-salib. Minn naħa l-oħra jekk int persuna attent/a u timxi b’tali mod u manjiera li tixtieq tkun sensittiv/a għall-weġgħat tal-oħrajn, allura minħabba fik id-dinja qegħda ssir post isbaħ u aħjar.
Ejjew nagħmlu sforz biex inwieġbu lil min qed jitlob biex: Nimxu miegħu biċċa mit-triq, għax qed jibża’ waħdu.
Ejjew nisimgħu il-karba ta’ min qed jitlob ftit għajnuna għax ma jafx kif se tispiċċa l-kobba li tħabbel fiha.
Ejjew inwieġbu għas-sejħa ta’ min qed jitlobna biex naqbdulu idu, għax qed iħossu nieżel ’l isfel u ma jafx kemm hu għoli l-wied li jħossu nieżel fih.
Ejjew nixhelu ftit dawl lil min qed iħossu li l-ħajja saret biss ċapep ta’ dlam madwaru.
Kun għal kull bniedem bħaċ-Ċirinew, biex tgħin li min qed jogħtor taħt it-toqol tas-salib.

