Sinjal tar-rebħa tas-sema u mhux rebħa fuq l-art!
Ftit xhur ilu kienet qamet kwistjoni madwar id-dinja kollha dwar il-kurċifiss. Kien żmien fejn ħafna tkellmu kontra d-deċiżjoni li kienet qed tiġi studjata dwar jitneħħiex jew le il-kurċifiss mill-klassijiet fl-iskejjel. Kien mument fejn ħafna ħassewhom mhedda, oħrajn iddispjaċuti, oħrajn lestew għall-ġlied. Għalija kien mument ta’ grazzja. Kien żmien li fih kulħadd kellu l-okkażjoni biex jirrifletti xi jfisser il-kurċifiss għalih u meta tara mexxejja ta’ reliġjonijiet ¦oħra jitkellmu favur il-kurċifiss u kontra d-deċiżjoni li kienet qed tittieħed, jien deherli li kien il-mument fejn madwar id-dinja, is-salib kien qiegħed jingħata verament l-istatus ta’ simbolu rebbieħ.
Bħalma nsibu anke fl-iskrittura, b’mod speċjali fl-ittri ta’ San Pawl, is-salib kien simbolu ta’ telf. Kien is-simbolu tar-rebħa tal-liġi fuq dawk li jiksruha. Għalhekk kienu jsallbu lil dawk li jiksru l-liġi. Ġesù ma kienx kiser l-ebda liġi iżda kellu jsofri l-istess tbatija. Għalhekk, għal dawk li ma jemmnux f’ Ġesù Kristu bħala l-iben t’Alla magħmul bniedem, is-salib b’Ġesù fuqu kien sinjal ta’ telfa u ta’ bluha. Għalina, li nemmnu f’Sidna Ġesù, is-salib mhu xejn ħlief simbolu ta’ rebħa u hija din l-atitudni li mexxietna biex tul is-sekli, npoġġu lil Ġesù fuq il-Kurċifiss; fil-knejjes u d-djar tagħna. Is-salib, lilna l-insara m’għandux ifakkarna fil-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu u m’għandux jagħtina l-impressjoni li l-ħażen kien kważi rebaħ għax malli Ġesù aċċetta fil-ġnien tal-Ġetsemani biex jittieħed mis-suldati, Ġesù kien diġa xorob il-kalċi mogħti lilu minn Alla missierna bħala patt tar-rebħa li Ġesù rebaħ ma’ l-aħħar nifs li ħa fuq is-salib. Għal niesu, dak deher ġisem bla ħajja mdendel fuq għuda iżda għalina, dak jidher ġisem li ħalla lil ruħu tmur tqajjem il-mejtin biex flimkien miegħu, ftit ġranet wara jirxuxtaw għal dejjem.Dan nixduh lkoll kemm aħna meta nagħmlu l-istqarrija tal-fidi meta ngħid: ‘sallbuh, miet u difnuh; niżel il-limbu, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet’. Jekk aħna nemmnu li Ġesù fetaħ il-bibien tas-sema, allura nifhmu li dawk li mietu qabel Kristu, minħabba d-dnub tan-nisel, ma setgħux jidħlu fis-saltna ta’ dejjem sakemm Ġesù bir-rebħa tiegħu mar jiftħilhom dan il-bieb u reġa ġie fil-ġisem ta’ l-art biex ikun sinjal għalina lkoll tal-qawmien mill-ġdid wara l-mewt għal ħajja ta’ dejjem. Dan narawh ukoll fl-iskrittura meta wara li jmut Ġesù tingħata deskrizzjoni ta’ x’sar dak il-ħin. Lkoll nafu x’ġara….iċċartet il-purtiera tat-tempju li kienet tifred lil Alla mill-bniedem, għax issa Alla fetaħ il-bieb tas-saltna tiegħu biex jidħol fiha kulħadd. Barra minn hekk l-iskrittura tgħidilna li nfetħu l-oqbra u l-mejtin ħarġu jimxu fit-toroq. Dan ġara għax bħal Krstu huma irxuxtaw għall-ħajja ta’ dejjem. Aħna wkoll imwegħdin li għad jerġa jasal il-jum meta Sidna Ġesù Kristu jiġi biex jagħmel ħaqq , nerġgħu niksbu lura l-ġisem tagħna, li issa ma jkunx iktar imniġġes iżda ippurifikat u mqaddes, biex bih nidħlu ma’ Kristu fis-saltna ta’ dejjem.
