Damascus Path

March11th

1 Comment

Is-Salib

Posted in: Riflessjoni

Sinjal tar-rebħa tas-sema u mhux rebħa fuq l-art!

Ftit xhur ilu kienet qamet kwistjoni madwar id-dinja kollha dwar il-kurċifiss. Kien żmien fejn ħafna tkellmu kontra d-deċiżjoni li kienet qed tiġi studjata dwar jitneħħiex jew le il-kurċifiss mill-klassijiet fl-iskejjel. Kien mument fejn ħafna ħassewhom mhedda, oħrajn iddispjaċuti, oħrajn lestew għall-ġlied. Għalija kien mument ta’ grazzja. Kien żmien li fih kulħadd kellu l-okkażjoni biex jirrifletti xi jfisser il-kurċifiss għalih u meta tara mexxejja ta’ reliġjonijiet ¦oħra jitkellmu favur il-kurċifiss u kontra d-deċiżjoni li kienet qed tittieħed, jien deherli li kien il-mument fejn madwar id-dinja, is-salib kien qiegħed jingħata verament l-istatus ta’ simbolu rebbieħ.

Bħalma nsibu anke fl-iskrittura, b’mod speċjali fl-ittri ta’ San Pawl, is-salib kien simbolu ta’ telf. Kien is-simbolu tar-rebħa tal-liġi fuq dawk li jiksruha. Għalhekk kienu jsallbu lil dawk li jiksru l-liġi. Ġesù ma kienx kiser l-ebda liġi iżda kellu jsofri l-istess tbatija. Għalhekk, għal dawk li ma jemmnux f’ Ġesù Kristu bħala l-iben t’Alla magħmul bniedem, is-salib b’Ġesù fuqu kien sinjal ta’ telfa u ta’ bluha. Għalina, li nemmnu f’Sidna Ġesù, is-salib mhu xejn ħlief simbolu ta’ rebħa u hija din l-atitudni li mexxietna biex tul is-sekli, npoġġu lil Ġesù fuq il-Kurċifiss; fil-knejjes u d-djar tagħna. Is-salib, lilna l-insara m’għandux ifakkarna fil-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu u m’għandux jagħtina l-impressjoni li l-ħażen kien kważi rebaħ għax malli Ġesù aċċetta fil-ġnien tal-Ġetsemani biex jittieħed mis-suldati, Ġesù kien diġa xorob il-kalċi mogħti lilu minn  Alla missierna bħala patt tar-rebħa li Ġesù rebaħ ma’ l-aħħar nifs li ħa fuq is-salib. Għal niesu, dak deher ġisem bla ħajja mdendel fuq għuda  iżda għalina, dak jidher ġisem li ħalla lil ruħu tmur tqajjem il-mejtin biex flimkien miegħu, ftit ġranet wara jirxuxtaw għal dejjem.Dan nixduh lkoll kemm aħna meta nagħmlu l-istqarrija tal-fidi meta ngħid: ‘sallbuh, miet u difnuh; niżel il-limbu, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet’. Jekk aħna nemmnu li Ġesù fetaħ il-bibien tas-sema, allura nifhmu li dawk li mietu qabel Kristu, minħabba d-dnub tan-nisel, ma setgħux jidħlu fis-saltna ta’ dejjem sakemm Ġesù bir-rebħa tiegħu mar jiftħilhom dan il-bieb u reġa ġie fil-ġisem ta’ l-art biex ikun sinjal għalina lkoll tal-qawmien mill-ġdid wara l-mewt għal ħajja ta’ dejjem. Dan narawh ukoll fl-iskrittura meta wara li jmut Ġesù tingħata deskrizzjoni ta’ x’sar dak il-ħin. Lkoll nafu x’ġara….iċċartet il-purtiera tat-tempju li kienet tifred lil Alla mill-bniedem, għax issa Alla fetaħ il-bieb tas-saltna tiegħu biex jidħol fiha kulħadd. Barra minn hekk l-iskrittura tgħidilna li nfetħu l-oqbra u l-mejtin ħarġu jimxu fit-toroq. Dan ġara għax bħal Krstu huma irxuxtaw għall-ħajja ta’ dejjem. Aħna wkoll imwegħdin li għad jerġa jasal il-jum meta Sidna Ġesù Kristu jiġi biex jagħmel ħaqq , nerġgħu niksbu lura l-ġisem tagħna, li issa ma jkunx iktar imniġġes iżda ippurifikat u mqaddes, biex bih nidħlu ma’ Kristu fis-saltna ta’ dejjem.

Mela, meta aħna nsibu ruħna quddiem il-Kurċifiss, għandna mmorru lil hinn mill-ħsieb ta’ mewt jew telfien għax nafu li aħna mwegħdin il-ħajja ta’ dejjem, ir-rebħa ta’ dejjem u dak il-kurċifiss huwa il-‘kuntratt’ jew aħjar il-wegħda li Alla għamlilna. F’dik irridu niftakru aħna.....li s-salib huwa simbolu ta’ mħabba, tama u paċi mhux biss għax Ġesu’ miet għalina bħala l-ikbar ħabib iżda għax permezz ta’ dik il-mewt Ġesu’ offrielna ir-rebħa eterna, offrielna l-opportunita li nagħrfu l-wiċċ veru ta’ Alla l-missier, offrielna dak li ħadd aktar ma jista joffrielna, il-glorja tas-saltna tas-sema.

Is-salib għalina jfisser dan kollu. Huwa veru dak li ħafna qalu: li mhux is-salib ta’ l-injam u l-ġibs iżda s-salib li għandek f’qalbek. Fl-istess ħin iżda, jkollna nammettu, li bil-mod kif qed ngħixu f’din il-ħajja mgħaġġla, dak is-simbolu diġa qed neħduh wisq for granted, aħseb u ara jekk ma narawhx aktar kif ninsewh malajr. Xorta waħda m’għandniex nħossuna superjuri u lanqas inferjuri meta jinqalgħu dawn il-kwistjonijiet. Għalina s-salib m’għandux ikun mezz ta’ rebħa fuq l-art iżda mezz ta’ rebħa fis-sema. Għalina mhux importanti li nidhru kbar f’għajnejn ħaddieħor iżda li nkunu kbar f’għajnejn Alla. Min irid jgħix ħajja ġusta u perfetta m’għandu jħares lejn xejn u lejn imkien ħlief lejn il-kurċifiss li fis-skiet tiegħu, jgħajjat fil-qlub tagħna għal bidla fil-mod kif ngħixu. Nafu b’dan u nixtiequ iżda nsibuha diffiċli xi kultant. Jien dejjem ngħid li t-talb ikisser il-blat u jxaqqaq il-muntanji u lkoll għexna mumenti diffiċli u tafu li dak li qed ngħid huwa minnu. F’dan iż-żmien li qgħedin ngħixu, ż-żmien tar-Randan, ejjew nitolbu lil Ġesù msallab biex jgħajjat ftit iktar ġewwa qalbna, tant li jifqgħalna t-tanbur ta’ widnejna bħalma kien stqarrlu Santu Wistin. Jalla fil-kurċifiss insibu t-triq veru tagħna.

1 Comment

  • Comment by Luke A B — Friday, 26 March 2010 @ 8:33 am

    Proset, riflessjoni vera sabieha! Keep up the good work!!

    ||‘Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?’ In-niggieża tal-mewt hi d-dnub,il-qawwa tad-dnub hi l-liġi. Nizzu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.||

RSS feed for comments on this post.

Sorry, the comment form is closed at this time.