Damascus Path

March11th

No Comments

City of Joy

Posted in: Librerija

Wara staġun bla xita, familji sħaħ ta’ bdiewa kienu spiċċaw bla flus u Hasari Pal, it-tifel il-kbir ta’ waħda mill-familji żżewweġ u telaq biex jgħix fuq roqgħa ta’ bankina f’Kalkutta. Biex taqla’ 10 rupees, ekwivalenti ta’ xi 15-il ċenteżmu, bintu tat ġisimha għall-prostituzzjoni. Fis-slums kienu joqogħdu eluf u kull kmajra kienet tieħu xi ħmistax-il ruħ. L-arja mniġġsa mill-kubrit. Siġar u fjuri ma jeżistux. L-uniċi għasafar: l-isqra. Mard li bilkemm nisimgħu bih fostna: il-lebbra, it-tuberkulożi, id-disenterija u dak ikkawżat min-nuqqas ta’ vitamini u minerali joqtol mijiet kuljum.

Mara tqila, spiċċat tat il-fetu tagħha għall-istudju bil-ħsieb li taqla’ xi ftit iktar minn tliet Ewro għall-ikel. Disgħa minn għaxra lanqas kellhom 2 ċenteżmi biex jixtru ftit ross kuljum. Xi għonja kienu jduru mal-fqar, diġà dgħajfin biex jitolbuhom ftit demm, għas-somma ta’ 40 ċenteżmu – biżżejjed biex Hasari Pal jagħti erbat ijiem ikel lil familtu. Huwa f’dan l-ambjent li Stephan Kovalsi, qassis Pollakk mar biex jgħaddi ħajtu. Daru kienet is-slumta’ Anand Nagar. U xi jfisser dan l-isem?

U x’għandu x’jaqsam mal-hena dan l-ambjent ta’ faqar estrem, nuqqas ta’ iġjene u nies bil-poter li jgħakksu lil min hu fqir għall-mewt? Dan il-qassis Pollakk, ra li minkejja d-diffikultajiet kollha, fis-slum, il-ħajja kienet tibqa’ għaddejja bl-enerġija u l-ħeġġa li tibqa’ tiġġedded.

Miktub mill-esperjenzi li ltaqa’ magħhom l-awtur Dominique Lapierre u maħdum f’film, dan il-ktieb ilaqqagħna mar-realtà tal-faqar. Għalina l-għonja, il-ktieb City of Joy ilaqqagħna ma’ bosta esperjenzi li jixxukkjawna imma żgur jgħallimna fuq tip ieħor ta’ għana li kellhom dawn il-fqar:

In these slums, people actually put love and mutual support into practice. They knew how to be tolerant of all creeds and castes, how to give respect to a stranger, how to show charity towards beggars, cripples, lepers and even the insane. Here the weak were helped, not trampled upon. Orphans were instantly adopted by their neighbours and old people were cared for and revered by their children.

Jalla aħna wkoll, filwaqt li naħdmu biex intaffu t-tbatija ta’ xulxin u tal-fqar f’pajjiżi oħra, ma ninsewx li l-hena vera ma tiġix biss mill-flus imma mill-imħabba li nuru lil dawk li niltaqgħu magħhom kuljum.

No Comments

No comments yet.

RSS feed for comments on this post.

Sorry, the comment form is closed at this time.