La wasal ir-Randan qablu jasal ukoll il-karnival. Kostumi, maskri, floats, karrijiet, perlini u prinjolati kemm trid. Dak li kien diskuss b’mod qawwi fil-gazzetti dwar ic-censura fil-bidu tas-sena kien se jkun suġġett ukoll għal dan il-karnival. Il-preżenza tal-pulizija u l-għassa fuq x’jiġi milbus u x’jiġi kantat fil-karnival beda jberraq fl-imħuħ ta’ dawk li l-ħin kollu jeqirdu bl-għajta ta’: għandna dritt naħsbu, ngħidu u nagħmlu lil rridu.
Meta ħafna snin ilu, fi żmien l-Ordni, kien hemm Jean-Paul Lascaris li bdew idejquh l-orġji tal-karnival u ddecieda li jagħmel dixxiplina, tant urta u dejjaq nies li sal-ġurnata tal-lum meta tara lil xi ħadd bil-geddum malajr tgħidlu li qisu jew qisha wicc laskri. Għax għalkemm ħafna nies iħobbu l-ordni u d-dixxiplina hemm oħrajn li din iddejjaqhom u jippruvaw jagħmlu minn kollox biex isibu kappa taħt xhiex ikunu jistgħu ipercu l-ħammalaġni li jkollhom tbaqbaq ġo fihom. B’xi mod dawn iż-żewġ gruppi jridu jsibu modus vivendi kif jgħixu flimkien fuq l-istess roqgħa art.
Imma l-karnival, bħal kull ħaġ‘oħra għandu kemm mill-eseġerazzjonijiet kif ukoll mis-sabiħ. Kuluri, kostumi, zfin, ballijiet, maskarati, floats, karrijiet b’tant temi nteressanti, mużika u tant affarijiet oħra. Hemm min jaħdem għall-karnival is-sena kollha u d-dedikazzjoni ta’ dawn il-persuni hija ta’ min jammiraha. Dawn in-nies jgħallmuna ħafna. Minħabba wkoll li l-karnival jiġi dejjem fix-xhur xitwin, ir-riskju tat-temp bix-xita jlum dejjem fuq ras l-organiżżaturi. Imma kif ngħidu, min joqgħod iħares lejn kull sħaba ma jivvjaġġa qatt u għalhekk dawn jaħdmu bit-tama li l-karnival jitgawda kollu f’temp bnazzi.
Maskarat tini perlina ara warajk għandek xadina. X’hemm fil-perlina u x’hemm wara l-maskra li jkun liebes il-maskarat? X’inhi din ix-xadina li tinsab wara kull maskarat?
Moħbija fin-nofs ta’ kull perlina hemm lewża. Qoxra fuq qoxra ta’ zokkor li fuq barra jitwennen b’kulur xipli, jekk ma tkunx mgħaġġel tpoġġi l-perlina f’ħalqek u ssoffha sakemm tasal sa qalbha, u hemm issib il-lewża. Jiena nxebbaħ lil din il-ħaġa qisha metafora tal-vjaġġ li jieħdok mill-odoloxxenza għall-maturita’ tal-ħajja adulta. It-tfulija bl-ilwien xipli tagħha u l-adoloxxenza bil-ħlewwa kollu tagħha ta’ min għadu moħħ ir-riħ u jista’ jaffordja li jkun avventuruż għal-lewża li tfakkrek fit-togħma ħelu-morr tal-ħajja adulta.
Bħal maskra wara kollox. Min jilbes il-maskra fil-karnival, jaf li din hija mġieba ta’ erba’ t’ijiem kollox u wara nidħlu mill-ġdid għas-serjeta’. Il-gwaj ikun ta’ meta xi ħadd ikun liebes il-maskra s-sena kollha jew gwaj ikbar għal dawk li jkunu lebsin maskra bla ma biss ikunu jafu. Li tilbes il-maskra għal ftit jiem biex timpersona karattru hija arti; hija drama. Li tilbes il-maskra s-sena kollha u tagħmel minn ħajtek karnivalati sħiħa hija tragedja. Tragedja ikbar tkun għal dawk in-nies li jissejjħu ingannati, għax lebsin maskra u lanqas biss jafu, huma nies li jgħixu fi stat superfi`jali u li jkunu għadhom ma ltaqgħu veru magħhom infushom; adulti li baqgħu dejjem trabi.
Warajna lkoll għandna xadina. U din ħafna drabi ma tikkuntentax li toqgħod warajna imma titla u taqbeż fuqna u ħafna drabi tidħlilna f’moħħna u toqgħod tixxala taqbeż hemm ġew. Monkey mind kien iħobb isejjaħlu, moħħ il-bniedem, John Main OSB. Moħħna mimmli b’elf ħsieb irid jrid ħaġa u issa jrid oħra u ħafna drabi ma jabbasta jikkuntenta qatt u b’xejn. Hawn ukoll, mill-maskarat irridu nitgħallmu. Kemm se ddum iddawwar rasek lura biex tħares lejn ix-“xadina” u min hemm quddiemek jisraqlek mill-perlini? Jekk il-maskarat il-perlini jrid ibiegħhom u jġib xi ftit qliegħ minnhom irid iħares il-quddiem u mhux jaljena rasu jfittex dak li ma jeżistix warajh. U fil-ħajja, min irid jimxi ‘l-quddiem irid joqgħod attent għall-mument tal-preżent li qed jgħix fih u mhux jitniehed b’mostalġija għall-bieraħ li għaddha jew jixxennaq b’fantasija kattiva għall-futur li għadu ħadd ma rah.
Ikolli ngħid li riflessjoni fuq il-karnival ttini ħidma sfiqa għal dan ir-Randan. Aktar ma naħseb fuq il-maskarat, fuq il-perlini u fuq ix-xadini, aktar inħoss kemm għandi ħtieġa ta’ erbgħin jum ta’ riflessjoni sabiex inkompli npoġġi l-ħajti fil-preżenza ta’ Alla u nara x’hemm x’nirranġa fiha.
Hemm żmien li tilbes il-maskra, imma hemm żmien ukoll li tinżaha.
Hemm żmien li ssoff il-ħelu tal-perlina, imma hemm żmien li tasal sal-qalba tal-perlina.
Hemm żmien li titħabat max-xadina, imma hemm żmien meta tneħħilha x-xkiel u tħalliha titlaq.

