Damascus Path

January11th

No Comments

In-numru ta’ films li joħorġu kull sena huwa kbir u għalkemm hemm numru kbir minnhom li jekk tagħsarhom ma ssibx sugu (uħud minn dawn huma dawk li jagħmlu l-aktar suċċess), madankollu jekk inħarsu lura lejn l-2009 insibu numru ta’ films li tassew kienu tajbin mhux biss bħala espressjoni artistika imma anke bħala ispirazzjoni għal kull min jarahom. Xi wħud minnhom żgur smajtu bihom bħal UP, l-aħħar proġett tal-kumpanija Pixar, iżda jista’ jkun li ħafna ma semgħux b’films bħal Captain Abu Raed.

Pixar’s UP
UP jirrakkonta l-istorja ta’ Carl Fredricksen, raġel anzjan li f’ħajtu kellu kemm ferħiet kif ukoll mumenti ta’ qtigħ il-qalb u dwejjaq. Fil-fatt l-istorja tibda jiem wara l-mewt tal-mara tiegħu u narawh bħala bniedem li qisu m’għad fadallu xejn ta’ valur f’ħajtu ħlief dak kollu li kien ifakkru f’martu. Dispjaċir kbir li kellu kien li hu u martu dejjem xtaqu jmorru fl-Amerika t’Isfel imma dejjem inqala’ xi ħaġa li ma ħallithomx u allura fl-aħħar iddeċieda li jmur u jieħu miegħu l-ikbar tifkira ta’ martu, id-dar fejn kienu joqgħodu. Permezz ta’ mijiet ta’ bżieżaq u tmun tajjeb, Carl jibda l-vjaġġ tiegħu lejn l-Amerika t’Isfel permezz tad-dar tiegħu li ttir. Iżda x’ħin kien ilu ftit fl-ajru jisma l-qanpiena tal-bieb iddoqq. Ftit minuti qabel ma d-dar inqatgħet mill-art kien hemm boy scout li tela’ fuq l-għatba tad-dar biex jistaqsi lix-xwejjaħ Carl jekk għandux bżonn l-għajnuna għax bħala scout kien jonqsu dik il-badge. Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn jista’ jidher film taż-żgħar madanakollu il-Pixar bħas-soltu jwasslu storja mill-isbaħ dwar it-tajjeb li jirbaħ fuq kull qalb muġugħa. (Rated PG – Parental Guidance Suggested)

YouTube Preview Image

Gran Torino
Dan il-film jirrakkonta l-istorja tal-anzjan Walt Kowalski, veteran tal-gwerra fil-Korea, u l-ħbiberija li kibret ma’ familja Koreana ġirien tiegħu. Għalkemm il-karattru ta’ Walt huwa rozz u fi kliemu jidher car li mhux li tant kellu pjacir bihom jgħixu ħdejh, meta Thao, it-tifel Korean jiġi bullied qisu jħoss għalih u jibda jipprova jgħinu. Matul il-film niltaqgħu mat-tfal ta’ Walt li kollha kemm huma jħarsu lejh qisu kien piż fuqhom u jqabbel ma’ kif Thao u l-familja tiegħu kienu jħarsu lejn Walt. F’certu sens Walt kien qisu t-tieni missier għal Thao u oħtu. Ħafna drabi jsib ruħu jaqbeż għalihom meta ħafna mill-gangs li kienu jiġru f’dawk it-toroq kienu jippruvaw jabbużaw minnhom. Għall-bidu narawh juża l-esperjenza tiegħu fil-gwerra iżda lejn l-aħħar tal-film naraw kif Walt jifhem kif tista’ tirbaħ fuq il-vjolenza. (Rated R –Under 17 Requires Accompanying Parent or Adult Guardian)

YouTube Preview Image

Captain Abu Raed
Abu Raed mhux xi bniedem li jispikka: xogħlu huwa sempliċi u f’ħajtu qatt m’għamel ħwejjeġ kbar. Imma darba waħda waqt li kien qiegħed jaħdem, sab kappell ta’ pilota u minn hemm ħajtu nbidlet. Dan il-film hu ambjentat fil-Ġordan tal-lum, u kif stqarr Amin Matalqa, id-direttur tal-film, irid iwasslilna ftit mill-ħajja ta’ kuljum tan-nies li jgħixu fil-Ġordan. Matalqa qal li fost il-ħafna affarijiet li wassluh biex jaħdem fuq dan il-proġett kienu l-ħafna films li ħarġu dan l-aħħar li jpinġu lil niesu qisu kienu kollha fundamentalisti u terroristi. Captain Abu Raed huwa film li juri diversi elementi mill-ħajja u l-problemi tal-Ġordan tal-lum. Fuq kollox Captain Abu Raed jitkellem fuq dak kollu li hu tajjeb fil-bniedem. (Rated PG-13 – Parents Strongly Cautined)

YouTube Preview Image

Invictus
Dan il-film jirrakkonta kif Nelson Mandela, wara li ġie elett president, ingħaqad mal-Captain tat-tim tar-rugby tas-South Africa biex jgħaqqad lil pajjiżu. Il-film jibda billi jurina s-sitwazzjoni tal-Afrika t’Isfel hekk kif Mandela ġie meħlus u aktar tard elett president. Id-direttur, Clint Eastwood, iwasslilna tajjeb ħafna r-realtà ta’ firda li kien hemm fil-pajjiż bejn il-popolazzjoni ta’ ġilda skura u l-hekk imsejħa Afrikaners, dawk ta’ dixxendenza Ewropea. Ħafna mill-film jiffoka fuq it-tim tar-rugby, b’mod specjali l-captain François Pienaar, għalkemm il-film jerġa’ lura lejn il-karattru ta’ Mandela u l-esperjenzi tiegħu li għamluh il-bniedem li hu. Fl-aħħar mill-aħħar Invictus jurina t-triq għall-vera rebħa fuq kull ġlied u firda – il-maħfra. (Rated PG-13 for brief strong language)

YouTube Preview Image

YouTube Preview Image

No Comments

No comments yet.

RSS feed for comments on this post.

Sorry, the comment form is closed at this time.