Id-dar… x’jiġik f’moħħok meta tisma’ din il-kelma: dar? Id-dizzjunarji jgħidu li d-dar hi l-post fejn toqgħod. Imma d-dar mhix biss post. Hi ħafna iktar minn hekk, forsi għax hemm ħafna emozzjonijiet marbutin magħha. Li tħossok ‘at home’ ma tfissirx li dħalt fil-post fejn tiekol, torqod, tinħasel u tagħmel xi ftit xogħol… imma għandha tifsira ta’ serħan, imħabba, libertà, ftuħ il-qalb… Jekk ħwejjeġ bħal dawn ikunu nieqsa, jista’ jkun li nħossu lilna nfusna iktar ‘at home’ barra mid-dar!
U darna fejn hi? Meta nibdew nikbru, bil-mod il-mod, id-dar tagħna tikber magħna u sa ċertu punt, id-dinja nibdew inqisuha darna. Fl-istess waqt, peress li d-dinja hi tagħna lkoll imma mhix tiegħi biss, kultant anki jien nistenna lil ħaddieħor ikun responsabbli tad-dinja mingħajr ma nerfa’ r-responsabbiltà li għandi jien.
F’din darna d-dinja, 20 fil-mija tan-nies għandhom 80 fil-mija tar-riżorsi. Jintefqu tnax-il darba iktar flus fuq l-armi milli fuq l-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ħamest elef imutu kuljum minħabba ilma tax-xorb maħmuġ waqt li biljun ruħ qegħdin f’riskju li jmutu bil-ġuħ, iktar minn nofs il-qamħ jintuża bħala ikel għall-annimali jew bħala fuel. L-ispeċi qegħdin imutu b’rata elf darba iktar mgħaġġla minn qatt qabel.
Biex iżidu l-għarfien tas-sitwazzjoni tal-ambjent fid-dinja, imma fuq kollox biex inisslu tama, għaqda ta’ ditti Franċiżi, il-PPR sponsorjat il-film ‘Home’. Kif jgħid id-direttur Yann-Arthus Bertrand, dan il-film irid juri l-ġrieħi tad-dinja minħabba l-konsum żejjed tal-bniedem… imma bħala sotto-titlu jqiegħed il-frażi: It’s too late to be a pessimist. Għax kif qal Luc Besson, id-distributur internazzjonali, kull bniedem jista’ jintebaħ li jista’ jagħti kontribut imqar jekk żgħir. Ħafna sforzi żgħar jagħmlu differenza kbira. Jekk biljun ruħ jagħmlu sforz żgħir dwar ir-riċiklaġġ, l-energy savers u x-xiri favur l-ambjent ikunu elf darba iktar effettivi minn kwalunkwe miżura ta’ xi gvern.
Wara għadd ta’ xeni tal-għaġeb dwar is-sbuħija tad-dinja; ‘Home’ jistampalna fil-memorja l-ħela, l-użu ħażin tar-riżorsi naturali u l-effett ħażin tal-bniedem fuq l-ambjent. Tassew li fl-ekosistema aħna l-bnedmin magħqudin mal-annimali u l-pjanti l-oħra. F’dawn l-aħħar ħamsin snin, b’mod speċjali, l-attività tal-bniedem qerdet ħafna mill-ambjent naturali li writna minn mijiet ta’ snin… u issa qed naħsdu dak li żrajna aħna stess.
Imma l-film ma jintemmx fuq nota pessimista. Anzi, jgħidilna li dan hu ż-żmien li naħdmu u nagħmlu l-parti tagħna favur l-ambjent u favur il-bniedem. U l-affarijiet bdew mexjin… Erbgħa minn kull ħamest itfal fid-dinja jmorru l-iskola. Il-Lesoto, wieħed mill-ifqar pajjiżi hu fost l-iktar li jinvesti fl-edukazzjoni. F’Bangladesh, wieħed raġel waqqaf bank li jislef biss lill-foqra – bih tejjeb il-ħajja ta’ 150 miljun ruħ. In-numru ta’ parks naturali żdied sew. 75% tal-karta fid-dinja hi reċiklata. F’Costa Rica m’hemmx armata. Minflok il-pajjiż jinvesti ħafna fl-edukazzjoni u fl-ambjent.
Iva, dan mhux iż-żmien li nibqgħu idejna fuq żaqqna imma li nifhmu li aħna maħluqin mill-istess Alla li ħalaq l-ambjent ta’ madwarna u li jien u int nistgħu ngħinu biex dan il-wirt insaħħuh u ngħadduh lil ġenerazzjonijiet oħra.
Idħol www.home-2009.com u ara l-film kollu online

