Ultimate confidence in the goodness of life cannot rest upon confidence in the goodness of human beings. If that is where it rests, it is an optimism which will suffer ultimate disillusionment. Romanticism will be transmuted into cynicism, as it has always been in the world’s history. The faith of a Christian is something quite different from this optimism. It is trust in God, in a good God who created a good world, though the world is not now good; in a good God, powerful and good enough finally to destroy the evil that we do and redeem us of our sins. This kind of faith is not optimism. It does not, in fact, arise until optimism breaks down and we cease to trust in ourselves that we are righteous. – Reinhold Niebuhr, “Beyond Tragedy”
Kemm inħoss li dan li qed jikteb dwaru Reinhold huwa importanti li naħsbu aktar fuqu u forsi nitkellmu aktar dwaru. Dan l-aħħar ġejt f’kuntatt ma’ wieħed li mill-ewwel qtajtu ferrieħi ħafna, anzi stħajjiltu li huwa l-buffu tal-grupp. Iddarrast ħafna imma meta t-tfaqqigħ tad-daħk tħallat mat-tfaqqigħ ta’ dagħa bis-Sinjur Alla. Meta nduna li jiena smajtu, ġie ħdejja, u bħal qisu jrid jiskuża ruħu qalli li hu mhux raġel ħażin u jagħmel ħafna karità. Knisja però ma jmurx imma lill-Madonna tal-Karmnu ‘jaduraha’.
Hekk kif bdew għaddejjin il-ġranet u bqajt niltaqa’ ma’ dan ir-raġel b’mod regolari, bdejt niskopri aktar li f’dan ir-raġel kien hemm bħal ġlieda interna. Raġel b’saħħtu, ferrieħi u kuraġġjuż fix-xogħol tiegħu imma qisu hemm xi rabja li trid tesprimi lilha nnifisha fid-dagħa li jidgħi.
Naħseb li kien ġelat li rrivela l-għeruq tar-rabja. Biċ-ċajt, dan ir-raġel talabni ġelat u jiena ġibt wieħed lilu u lil sħabu kollha li kien hemm miegħu. Ħadni ftit f’ġenb u qalli: “Lili Alla rifisni taħt saqajh, u nitlob kemm nitlob kollu għalxejn għax lili ma jismagħnix. Imma lilek naf li jisimgħek; itlob ftit għalija biex forsi nagħmel pass”.
Dan il-kliem kien wieħed mill-akbar rigali li nħoss li rċevejt f’dawn l-aħħar ġranet. Indunajt li d-dagħa ta’ dan ir-raġel ma kienx ħlief rabja li kellu għal ’alla’ li hemm fl-immaġinazzjoni tiegħu. Xtaqt ngħidlu li Alla jħobb lil kulħadd, xtaqt ngħidlu li l-idea tiegħu dwar Alla hija żgur żbaljata… Xtaqt ngħidlu ħafna affarijiet, imma kif se ngħidlu dak kollu? Kif stajt niekol il-ġelat għalih u fl-istess ħin iħoss it-togħma friska tiegħu hu? Meta ssuġġerejtlu biex malli jinduna li qed jidgħi, ifaħħar ’l Alla f’qalbu qalli: ”Ma rridx li Alla jgħidli: ‘Mela jiena taż-żejjed u n-nieqes, se toqgħod tgħaddini biż-żmien?’” – insomma l-espressjoni li uża fl-aħħar kienet ftit vulgari.
Aħna ngħaddu ħajjitna nirreaġixxu għal dawn l-ideat li aħna jkollna ta’ xulxin. Meta fit-triq nara l-ħmieġ tal-klieb, nirreaġixxi bir-rabja għal dawk li joħorġu passiġġata ’l-kelb biex iħammeġ wara bieb ħaddieħor għax inħoss li ħadd ma jieħu pjaċir bil-ħmieġ wara daru. Meta nirrabja għax ta’ quddiemi dar kantuniera bil-karrozza jew waqaf ħesrem għax sab post fejn jipparkja bla ma għamel sinjal bl-indikatur, inkun qed nirreaġixxi għax naħseb li kulħadd suppost jagħti każ ta’ min qed isuq warajh. Nirreaġixxi għax naħseb li… imma ħafna drabi kemm ikun żbaljat dak li naħseb!

Ħafna waqfu jemmnu f’Alla għax ħasbu li Alla kien missu ma ħalliex it-traġedja tolqot lilhom waqt li oħrajn daru kontra Alla għax ħasbu li l-mard, li jafu li jista’ jiġi fuq kulħadd, ma kienx missu mess lilhom. Il-lista hija twila u meta tasal fil-qiegħ tar-raġuni ssib li ħafna qegħdin joperaw minn idea żbaljata ta’ min hu Alla.
Sfortunatament, kemm mit-trobbija, mill-katekeżi żbaljata u minn kif jiġu ppreżentati l-affarijiet, ħafna drabi dan Alla ġie ppreżentat lilna bħala dak li fil-verità mhux hu.
Alla mhux xi polza tas-sigurtà; xi life insurance! Alla mhux xi garanzija li jaf jagħmel tajjeb għal kull diżastru li niltaqgħu miegħu. Alla mhux xi pulizija jew warden li qiegħed hemm biex ebda ħalliel ma jidħlilna f’darna. Alla mhux magician li għandu l-bakketta maġika biex meta nagħfsu l-buttuna aħna jagħmel il-miraklu li nitolbuh. Alla mhux xi Babbo Natale, li nitolbuh biex iġibilna r-rigal u nfittxuh fil-kalzetta meta nqumu fil-Milied. Alla mhux bħal dik il-karta ħadra li fuqha hemm miktub In God We Trust li taslilna mingħand iz-ziju tal-Amerika. Alla mhux lanqas dak Alla li xi 92% tal-istudenti tal-Università tagħna jgħidu li jemmnu fih, basta ma jindaħalx fejn ma jesgħux u jħallina nirraġunaw kif jidhrilna aħna.
Mela Alla min hu?
Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej, kanta David. Imma bħal fil-każ tal-ġelat ta’ sieħbi, ma nistax nieklu għalik; huwa esperjenza li trid tagħmilha int.

