Ta’ spiss ninqabad nagħmel l-istess żball. Għandi vizzju nara l-aħbarijiet waqt li nkun qed niekol. Żball u vizzju, għax l-ewwel nett naf li l-aħjar hu kif jgħidu bl-Ingliż: one thing at a time u allura jew niekol jew nara l-aħbarijiet. Ħażin ukoll għax meta nkun qed niekol xi ħaġa li tiftaħli l-aptit ikolli bżonn u mhux xi ħaġa li taqtagħli l-aptit!
U meta l-aħbarijiet jibdew ġejjin waħda wara waħda: dmija, konflitti, karozzi bomba, inċidenti tat-traffiku, mewt u traġediji, tiġini l-mistoqsija, speċjalment fi żmien bħal dan ta’ qabel il-Milied jew l-Għid: imma l-miġja ta’ Ġesù x’differenza għamlet lill-bniedem?!
Konna niġġieldu qabel Ġesù u għadna niġġieldu. Konna ngħiru għal xulxin qabel u għadna ngħiru. Konna nisirqu, noqtlu, nigdbu u dan kollu għadu magħna, anzi b’mod ħafna aktar sofistikat.
Naf li din il-mistoqsija li tiġi lili, tiġi wkoll lil ħafna oħrajn għax mhux darba jew tnejn iddiskutejtha mal-ħbieb tiegħi. Niftakar darba qrajt intervista li kienet saret lill-Beata Tereża ta’ Kalkutta, din il-mara li ġibdet l-ammirazzjoni ta’ miljuni ta’ nies. Ġurnalist darba staqsiha x’differenza se tagħmel il-qatra tagħha f’dan l-oċean? Madre Tereża qalet li propju dan huwa li jagħmlilha l-kuraġġ; għax minħabba li l-oċean huwa magħmul minn ħafna qtar, allura aktar ma jkun hawn nies bħalha li jagħmlu xi ħaġa daqs qatra, aktar jinbidel l-oċean. Ġurnalist ieħor, ftit aktar ċiniku kien qalilha li minħabba fiha u nies bħalha, gvernijiet ħżiena jibqgħu fil-poter għax il-foqra ma jmissu qatt il-qiegħ u ma jqumu qatt kontra l-gvern tagħhom. Hi wieġbet li f’din it-tip ta’ politika ma tidħolx imma taf kemm isofri min hu bil-ġuħ u marid u dawn ma jistgħux joqgħodu jistennew it-tneħħijja tal-gvernijiet biex jibdew jieklu xi ħaġa jew jiġu kkurati; għalhekk hi xxammar kull fejn hemm it-tbatija biex tipprova tnaqqasha.
Nies bħal dawn huma ta’ ispirazzjoni kbira għalija. Meta kont il-missjoni, ġieli kelli l-opportunità li nassisti għal xi quddiesa u riċeviment ta’ missjunarju jew missjunarja li jkunu ilhom fil-missjoni erbgħin jew ħamsin sena. Meta dawn jiġu mistednin biex jagħtu messaġġ, dejjem jispiċċaw jirrakkuntaw l-istejjer ta’ meta b’xi azzjoni żgħira tagħhom ġabu bidla għall-aħjar fil-ħajja ta’ xi individwi. Rari tisma’ lil min jitkellem fuq proġetti kbar ta’ bini; mhux għax ma jkunux għamlu proġetti kbar, inkluż li jkunu ħadmu biex inbnew skejjel, knejjes, sptarijiet, orfanatrofji, workshops u x’naf jiena, imma l-ħaġa li jibqgħu jiftakru u li fuqha jitkellmu huwa n-nies, l-individwi li b’xi mod huma jkunu missewlhom ħajjithom.
Mhux fil-missjoni biss. Min jaf kemm hawn nies, li ispirati mid-Diskors tal-Muntanja ħadmu għal aktar ġustizzja fil-komunità jew fuq ix-xogħol tagħhom. Min jaf kemm hawn nies li għax huma ta’ rieda tajba u qalbhom safja ddedikaw snin twal ta’ ħidma, ħafna drabi volontarja biex ikunu ta’ servizz għal min hu żvantaġġjat fil-komunità. Dawn ma tantx jissemmew fl-aħbarijiet. Anzi kieku kellek tmur biex tipprova xxandarhom, jaħarbuk għax jgħidulek li min għal Alla u mhux għal fama ma jqiegħedx ismu fuq l-irħama u huma jkunu jridu li s-Sinjur Alla biss ikun xhud ta’ għemilhom.
Imma x’differenza għamlet il-miġja ta’ Ġesù? Staqsi din is-sentenza li dik il-persuna fl-Amerika li għax ma kelliex assikurazzjoni ta’ saħħa ma ġietx aċċettata fi sptar privat jew tal-Gvern imma ġiet aċċetta fi klinika ssussidjata minn xi organizzazzjoni Kristjana. Staqsi lil dak it-tifel marid bit-tuberkulożi u tfejjaq f’xi waħda mid-djar ta’ sorijiet imxerrdin fil-pajjiżi tat-Tielet Dinja. Staqsi lil dak bil-marda tal-AIDS u li kien mistkerraħ u mwarrab minn kulħadd, imma li sab kenn mill-Caritas Internazzjonali. Staqsi lil dik it-tifla li għax tifla qajla kellha ċ-ċans tirċievi edukazzjoni formali, imma permezz tal-iskejjel mmexxija mir-Reliġjużi tgħallmet u mxiet sakemm waslet fejn xtaqet. Staqsi lil dawk l-anzjani li qabel ma l-gvernijiet bdew jaħsbu biex jipprovdulhom djar fejn ikunu jistgħu jkomplu jgħixu b’dinjità, sabuha fid-djar tal-anzjani mmexxijin ħafna drabi mis-sorijiet.
Forsi tgħidli allura l-Insara biss jagħmluh dan? Jew dawk li jemmnu f’Ġesù biss joffru dan is-servizz? Le, dażgur li le. Imma rrid ngħid li dan jagħmluh biss dawk li ma’ Ġesù jaqsmu l-idejal ta’ Kont bil-għatx u sqejtni u bil-ġuħ u tmajtni u bla lbies u libbistni u bla dar u lqajtni u fil-ħabs u l-isptar u ġejt iżżurni. Dawn li jaqsmu minn dan l-idejal, huma ta’ liema reliġjon huma, jappartjenu b’mod formali jew informali għall-ideal Kristjan li ġabilna Ġesù.
Iva, jagħmel differenza, imma biss jekk int bil-fatti kollha u mhux bit-tpaċpiċ tista’ tgħid: Jien Kristjan.


