Damascus Path

November22nd

No Comments

Ħafna dan ix-xahar (li issa kważi għadda) jassoċċjawh mal-mejtin u hekk kif jgħaddi t-tieni ta’ Novembru ħafna huma dawk li filgħaxija jgħaddu saċ-ċimiterju biex iżuru l-qabar ta’ xi qarib; jagħmlulu fjuri ġodda u xi xemgħa tnemnem ma tonqosx. Darba kien hemm wieħed li wara li għadda minn fejn ċimiterju bħal daż-żmien ikkummenta li kultant jissusspetta li x’uħud jieħdu ħsieb il-qabar aktar mill-persuna nnifisha qabel mietet!

Madankollu dan ix-xahar jibda’ b’festa importanti oħra – Jum il-Qaddisin Kollha. Dan ix-xahar ippruvajt naqra ftit fuq x’uħud minn dawn il-qaddisin u emmnuni, jekk ngħid li qaddisin hemm ħafna, inkun għadni anqas bdejt! Naħseb bħali xi darba jew oħra smajtu lil xi ħadd jitkellem fuq dan il-fatt qisu kien xi stramberija tal-knisja, xi ħaġa tat-tfal jew inkella fissazzjoni. Hemm min jikkummenta li l-Knisja saret qisha fabbrika tal-qaddisin b’kanonizzazzjoni wara l-oħra (meta nisma’ dan il-kumment f’qalbi ngħid ‘Mhux li kien!’, mhux li kien li kull min imiss b’xi mod jew ieħor mal-knisja jsir qaddis).

Ovvjament meta xi ħadd jikkummenta hekk b’qaddisin ma jkunux qed ifisser nies ta’ ħajja tajba iżda jkun qed jifhem nies li għalihom nagħmlu santi, statwi u festi. Hawn wieħed irid jieqaf ftit u jifhem ir-rwol li l-qaddisn għandhom fil-ħajja tal-Knisja. Wara l-festi, l-istatwi, is-santi, il-knejjes f’isimhom u n-numri kbar ta’ kotba dwarhom, wara dan kollu hemm bniedem li ssielet mal-ħajja, mal-bnedmin ħutu, miegħu nnifsu u ħafna drabi ma’ Alla. Ħaġa li taffaxxinani dwar il-qaddisin mhux biss in-numru kbir tagħhom imma fuq kollox id-diversità tagħhom. M’hemmx ‘pattern’ wieħed, triq waħda li twassal għand il-Missier. M’hemmx stil ta’ ħajja wieħed għad-dixxiplu ta’ Kristu, anzi fost il-qaddisn insibu saċerdoti, reliġjużi, ħaddiema, żgħażagħ, nisa tad-dar u ommijiet.

days-of-heaven

Fost dawn il-qaddisin insibu lil Tumas ta’ Akwinu, wieħed mill-aktar nies brillanti li qatt għexu. Mill-banda l-oħra nsibu lil Kurat ta’ Ars li sab diffikultajiet kbar biex itemm is-snin tas-seminarju. Insibu lil Vincent de Paul, qaddis magħruf għall-ħidma tiegħu man-nies tal-ibliet u insibu wkoll lil Anton l-Abbati li sab il-qdusija fil-ħajja tad-deżert. Insibu wkoll lil Bernard ta’ Clairvaux li għex ħajja ta’ sagrifiċċju u talb fil-monasteru u nsibu lil Hildegard ta’ Bingen li qattgħet ħajjitha tikteb innijiet lil Alla fil-ġonna tal-monasteru tagħha. Lil Pietru l-appostlu, bniedem magħruf għat-temperament tiegħu u li ma kienx wisq mgħallem filwaqt li mill-banda l-oħra nsibu lil Edith Stein, kollega tal-filosfu famuż Martin Heideggar. Fl-aħħarnett insibu lil Bruno bil-karattru serju tiegħu u lil Filippu Neri li l-ispiritwalità tiegħu kienet ibbażata fuq il-ferħ u l-karattru ħelu.

Kif tispjegaha din? Kif tispjega d-diversità fil-ħajja tal-qaddisin? It-tweġiba nsibuha fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin meta Pawlu jgħidilna li Alla huwa artist. L-artist veru l-għena tiegħu jibdel l-istil, jesperimenta u joħloq il-ġdid. Nieħdu pereżempju l-Mużew ta’ Picasso f’Pariġi. Kważi kull sala f’dan il-mużew għandha stil totalment differenti minn ta’ qabilha. Madanakollu kollha kemm huma huma pitturi ta’ Pablo Picasso li kull għaxar snin kien donnu jibdel l-istil tal-arti tiegħu. F’dan il-mużew insibu Picasso tradizzjonali li b’reqqa jislet dawk id-dettalji li jagħtu ħajja ġdida lill-opra tal-arti kif ukoll Picasso astratt b’kuluri vivaċi u qawwija. Kull kamra għandha ‘Picasso’ differenti u kollha kemm huma jitqiesu l-‘masterpieces’ ta’ dan il-ġgant tal-arti tas-seklu 20. Il-qaddisin, mill-banda l-oħra huma l-‘masterpieces’ ta’ Alla li qatt ma jgħeja juża kuluri u forom differenti. U bħalma kull artist fil-pittura tiegħu jikxef karatteristiċi tal-personalità tiegħu, Alla fil-qaddisin tiegħu, jurina lilu nnifsu. Schillebeeckx kiteb: “People are the words with which God tells his story”, u f’uħud minn dawn in-nies Alla jurina riflessi tal-perfezzjoni tiegħu u tal-imħabba kbira li għandu għalina.

Fl-aħħarnett nixtieq nissuġġerixxi eżerċizzju żgħir li ssuġġerewh lili. Bħala eżerċizzju matul l-avvent fittex qaddis (minn fost 10,000 qaddis u beatu), xi ħadd li jixbħek fil-personalità, jew fil-mod ta’ kif tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek jew inkella fl-interessi, u fittex li ssir taf lil dan il-qaddis. Ħallieh imexxik u jkun hemm għalik. Fi ftit kliem sib qaddis ‘compatible’ miegħek u agħmlu parti mill-ħajja tat-talb tiegħek. Biss tieqafx hemm. Sib ukoll qaddis li għandu l-effett kuntrarju. Fittex qaddis li meta tisma’ jew taqra dwaru xi ħaġa fik tniggzek jew tal-inqas tirrispondi b’mod ħażin. Dan ukoll huwa qaddis li għandek bżonn tisimgħu f’ħajtek. Fuq kollox il-qaddisn, fid-diversità kollha tagħhom għandhom ħaġa waħda komuni – kollha kemm huma mietu! Għalkemm tqanqal tbissima imma vera, il-qaddisin issa li kellhom jagħmlu għamluh. Issa fadal li aħna wkoll naqbdu dik it-triq li tieħu fejn għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet.

No Comments

No comments yet.

RSS feed for comments on this post.

Sorry, the comment form is closed at this time.