Kull sena, bħal daż-żmien, ħafna nies jerġgħu jġeddu l-appuntament tagħhom mas-serje favorita tagħhom fuq it-TV. Barra l-ħafna serje ġodda li jibdew, ħafna jkunu qed jistennew biex jaraw kif se tkompli l-istorja tal-karattru favorit tagħhom. Hemm għall-gosti ta’ kulħadd – serje komiċi, oħrajn ta’ avventura, ‘thrillers’, u ‘reality shows’. U għalhekk miljuni ta’ nies kull filgħaxija jintasbu quddiem is-sett tat-televixin isegwu l-eroj favorit tagħhom.
Superman resonates with everyone because he’s an amalgamation of the legends we’ve loved for 5,000 years. He’s Moses, Hercules, Icarus, and Jesus Christ all rolled up inside an American flag. He’s the greatest fictional character of our time.
Mark Millar, wieħed mill-aktar awturi famużi tal-ġeneru tal-komiks, huwa Kattoliku prattikanti u fil-ġrajja ta’ Superman, l-aljen li ġie fid-dinja biex isalva l-umanità, jara xebh kbir mal-istorja tal-Iben ta’ Alla. Għalih, l-eroj huwa dak li mmexxi minn prinċipji sodi lest li jsofri biex jagħmel il-ġid.
Madanakollu waħda mis-serje l-aktar famużi ta’ żmienna għandha bħala karattru prinċipali xi ħadd li m’għandu l-ebda waħda mill-karatteristiċi tal-eroj. Gregory House (il-karattru prinċipali fis-serja House) huwa tabib ġenju li jirnexxielu jsolvi ħafna każi li ħaddieħor ikun qata’ qalbu minnhom. Madanakollu dan ma jagħmlux minn sens kbir ta’ karità jew bi prinċipju imma biex jissodisfa l-ego kbir tiegħu. Dr House jigdeb, huwa addict tal-Vicodin, iwaqqa’ għaċ-ċajt lill-pazjenti tiegħu u jogħxa jilgħab bl-imħuħ tan-nies. Fi ftit kliem Greg House jsostni li l-ħajja m’għandhiex skop u li l-bniedem mhu xejn għajr annimal egoist u giddieb.
Superman huwa l-oppost – id-dehra tiegħu, anke meta jkun pajżan, hija ta’ bniedem serju, fi kliemu qatt ma jqarraq jew iwaqqa’ għaċ-ċajt. Hu jieqaf lill-ħażen u lest jagħmel kollox biex jipproteġi ‘l-innoċenti. Qatt ma juża l-poteri tiegħu biex jiddomina imma biex iservi. Il-verità hi li Superman huwa eroj u Greg House mhux.
Mela għaliex udjenza ta’ 12-il mijun (jien wieħed minnhom) jaraw l-avventuri ta’ House kull gimgħa? Għaliex dan il-karattru ‘dysfunctional’ jiġbed l-interess ta’ tant nies? Probabbilment għax Gregory House huwa ‘antihero’, u karattri bħal dawn illum komuni ħafna – protagonisti imperfetti għal udjenza li tgħix fi żminijiet imperfetti. Id-dizzjunarju jispjega l-kunċett ta’ antihero hekk:
antihero |ˈantēˌhi(ə)rō; ˈantī-|noun
a central character in a story, movie, or drama who lacks conventional heroic attributes
Hi deskrizzjoni li toqgħod eżatt għal Gregory House. Imma House mhux l-uniku wieħed tafux. Anke jekk ma ssegwix din is-serje, żgur li xi darba jew oħra ltqajt ma’ xi ‘antihero’ ieħor int u tqalleb fuq it-TV. Pereżempju: Jack Bauer fis-serje ‘24’ iħalli ċ-ċirkustanzi u mhux il-prinċipji jiddettawlu sa fejn għandu jasal biex jieħu dak li għandu bżonn; Vic Mackey fis-serje ‘The Shield’ huwa pulizija b’kunċett flessibli ta’ x’inhi ġustizzja u ma nsemmu xejn fuq il-karattri tas-serje ‘Lost’ li timla ktieb bil-kontradizzjonijiet li jgħixu. Dawn is-serje tat-TV jibnu d-drama kollha fuq il-karattru prinċipali, bid-difetti u l-prinċipji kollha li jħaddan. Il-mistqosija l-kbira hija din: Jekk il-karattru favorit tal-biċċa l-kbira tat-telespettaturi għandu l-attributi ta’ eroj neqsin, dan il-fatt xi jgħid fuqna bħala soċjetà?
Jista’ jkun li l-ewwel tweġiba li tiġina f’moħħna hija li l-virtù m’għadhiex tappella wisq u li l-‘entertainment’ ta’ żmienna mhu xejn għajr li noqogħdu naraw nies deprivati jagħmlu ħwejjeġ deprivanti u allura l-eroj veru qed isir speċi rari ħafna. Madanakollu, għalkemm dan hu probabbilment korrett rigward il-bidliet li seħħew fil-kultura popolari, il-konklużjoni hija waħda żbaljata. Ftit tas-snin ilu waħda minn dawn is-serje li tant kienet għamlet suċċess kellha bħala karattru prinċipali boss tal-mafja – Tony Soprano, raġel sinjur u influenti iżda li fl-istess ħin kellu ħafna konflitti interni, tensjonijiet, rabja u paranoja. Il-ħajja ta’ Tony, episodju wara l-ieħor, kienet tant f’kaos kontinwu li ħafna mit-telespettaturi fidili tas-serje kienu jirringrazzjaw ’l Alla li ħajjithom kienet storja oħra. Dawn, mhux talli ma kienux jixtiequ jkunu bħal Tony Soprano, anzi probabbilment ħafna mid-devoti tas-serje kienu jittamaw li xi darba dan Tony joħroġ mill-ħafna intriċċi u jibda jgħix ħajja tajba. Jien naħseb li l-popolarità ta’ dawn il-karattri għandha ħafna x’taqsam mat-tamiet tat-telespettaturi.
Meta niltaqgħu ma’ Superman, naraw fih eroj sa minn twelidu. Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn ħlief li nħarsu lejh u nammirawh. L-istejjer ta’ karattri bħal Superman qajla jħallu spazju għad-dubji, żminijiet ta’ kriżi personali u t-tfittxija li nsiru aħjar. Mill-banda l-oħra l-istejjer tal-‘antihero’ huma mimlija dubji u spazji għall-bidla, u faċli nidentifikaw ruħna ma’ karattri bħal dawn. Kollha kemm aħna nammirawh lil Superman. Il-ġenerazzjoni tiegħi (u forsi iktar u iktar dawk ta’ qabilna) kibru jaraw l-avventuri tiegħu fuq it-TV, b’uħud isegwu l-ħarġiet tal-‘graphic novels’ u l-‘comics’. Imma s’hemm naslu. Mill-banda l-oħra nidentifikaw ruħna ma’ Greg House, mhux bilfors għax hemm xi xebh speċjali, imma għax nammettu li bħal House aħna għandna d-difetti tagħna. House qisu jixbaħ aktar lill-ħajja vera filwaqt li Superman huwa fantasija.
Ovvjament it-tfal, fis-sempliċità tagħhom (mhux ta’ b’xejn Kristu poġġihomlna bħala mudell), fil-karnival mhux ħa narawhom jilbsu żmattat (insomma żmattat jista’ jkun) izappu bil-bastun u jniżżlu Vicodin wara l-oħra qishom kienu ħelu imma l-probabbiltà hija li narawhom lebsin il-mantel aħmar bl-ittra ‘S’ kbira fuq sidirhom bħal Superman. Aħna mill-banda l-oħra storja oħra! Forsi bil-għajnuna ta’ Alla m’aħniex nissieltu ma’ xi tip ta’ ‘addiction’ u anqas m’aħna affaċċjati b’deċiżjonijiet jaħarqu fejn trid tagħżel bejn ħażin u agħar, imma kollha kemm aħna għandna lok fejn nikbru u għalhekk kull ġimgħa nsibu ruħna naraw l-avventuri tal-‘antihero’ favorit tagħna u fl-istess ħin nistaqsu lilna nfusna jekk qatt Gregory House hux ħa jinbidel. Nixtiequ naraw li għalkemm għamel ħafna żbalji anke għalih hemm tama għal ġejjieni aħjar. Nisperaw li anke House jinbidel f’eroj.
Wara kollox aħna l-insara familjari ħafna ma’ stejjer simili fl-Iskrittura ta’ nies li kienu mimlija difetti – bħal Abraham, Noè, Ġakobb, Raħab u David – u kollha kemm huma, għalkemm mimlija difetti, Alla għażilhom biex ikunu parti mill-Istorja tas-Salvazzjoni u mhux talli hekk, talli għadu jagħżel nies bħalek u bħali (mimlijin difetti) biex jibnu s-Saltna tiegħu.


