Erbatax-il sena ilu, grupp ta’ studenti minn Greenville College, f’Illinois ħarġu single li mingħajr ma kienu jafu kellha tbiddlilhom ħajjithom. Fi ftit ġimgħat, is-single ‘Flood’ ta’ Jars of Clay telgħet fil-quċċata tal-klassifika, kemm Kristjana kif ukoll dik kontemporanja. Hawn beda żmien ta’ suċċess li kompla sal-ġurnata tal-lum.
L-isem tal-band hu meħud mill-vers fil-Bibbja, 2 Korintin 4:7: Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna. Dan il-vers fil-fatt huwa inkluż fis-song ‘Four Seven’ li tidher fl-album Frail.
Il-popolarità ta’ Jars of Clay tista’ tiġi attribwita lill-melodji li jiġbdu u l-lirika onesta u introspettiva. Matul iż-żmien, din il-band immaturat ħafna fl-istili mużikali tagħha. Fl-2006, bl-album ‘Good Monsters’, marru iktar fid-dinja tar-rock u xahrejn ilu, proprju fil-21 ta’ April, 2009 ħarġu l-għaxar studio album tagħhom, The Long Fall Back to Earth. Dan l-album jesplora temi dwar ir-relazzjonijiet u l-komunità b’mod onest u kuraġġuż.
Fid-diska ‘Two Hands’ insibu l-kliem: I use one hand to pull you closer, the other to push you away’, qabel ma jissuġġerixxi li dan il-konflitt intern jista’ jingħeleb b’azzjoni sempliċi imma profonda, jiġifieri: Two hands doing the same thing, Lifted high.
Jars of Clay – “Two Hands” – Official Music Video from Jars of Clay.
Skont il-kantant tal-grupp Dan Haseltine, ’Two Hands’ kienet l-aħħar diska li nkitbet għall-album bil-ħsieb li jippruvaw isibu mod kif jgħaqqdu s-suġġeti varji tal-album – relazzjonijiet, fidi u ġustizzja soċjali – f’diska waħda.
Din hi l-lista tal-istudio albums li ħarġu s’issa:
• Frail (1994)
• Jars of Clay (1995)
• Much Afraid (1997)
• If I Left the Zoo (1999)
• The Eleventh Hour (2002)
• Who We Are Instead (2003)
• Redemption Songs (2005)
• Good Monsters (2006)
• Christmas Songs (2007)
• The Long Fall Back to Earth (2009)

