Kull nhar ta’ Ħadd fis-6 pm, fil-parrocca tal-Assunzjoni, fin-naħa ta’ fuq ta’ Manhattan issir quddiesa animata minn jazz trio. Il-membri huma Peter Hartmann (id-direttur tal-Jazz Mass li huwa wkoll kompożitur, kantant u bassist), Jeremy Manasia (pjanist) and Roberto Franquiz (drummer).
Lejn tmiem l-1999, Peter Hartmann kien joqgħod ftit ‘il bogħod minn din il-parroċċa: “Il-kappillan Fr. John Duffel kien jinnutani ġej u sejjer bl-istrument tiegħi u darba introduċa lilu innifsu. Kien ilu jipprova jressaqni lejn il-quddiesa dak iż-żmien. Kien qalli li jrid jibda jdaħħal element ta’ mużika fil-quddiesa u staqsieni jekk kontx interessat li ndoqq.”
Għal Peter, il-mużika li kienet tintuża fil-liturġija Kattolika kienet iktar xi ħaġa li ttellfek milli tgħinek: “Il-mużika hija ferm importanti f’ħajti. Li jkollok mużika batuta fil-knisja kienet iżżommni ‘l bogħod.”
Peter iddeċieda li jidħol għal din l-istedina ta’ Fr. Duffel. Kien hemm problema waħda. Ma kienx hemm mużika x’idoqq u kellu jikkomponi xi ħaġa hu kemm jista’ jkun malajr. Għalhekk uża ktieb tal-kant antik li kellu l-kliem u l-melodiji bla akkumpanjament, u ħoloq il-mużika tiegħu bi stil Jazz għal din il-quddiesa.
Bil-ħolqien ta’ din il-mużika li tagħmel sens għalih, li tmur għall-quddiesa saret xi ħaġa totalment ġdida għal Peter. Dan l-esperiment beda bħala eżerċizzju ta’ kompożizzjoni ta’ mużika imma spiċċa biex issodisfa bżonn spiritwali ta’ Peter u tant parruċċani Ii ilhom jattendu għal din il-quddiesa għal iktar minn għaxar snin.
Fi kliem Fr. John Duffel: “Il-Liturġija għandha tinvolvi s-sensi kollha tagħna… moħħna, qalbna, ħafna affarijiet. Ma tinvolvix biss it-talb u l-movimenti imma anki l-mużika u din trid tassistina biex ngħollu qlubna u ħsibijietna lejn Alla. Il-mużika hija parti minn dan il-proċess. Il-mużika tkun qed tagħmel dak li suppost hi mifhuma li tkun meta tinvolvi lin-nies fil-liturġija”.

